ikkonsulta l-lista segwenti. Meta tikklikkja l-artikolu, se jidher it-test tad-dispożizzjoni tal-karta korrispondenti. Hu utli li taqra t-test, minħabba li xi artikoli fihom aktar minn intitolament wieħed.
-
Artikolu 1 - Is-dinjità tal-bniedem
Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.
-
Artikolu 2 - Id-dritt għall-ħajja
1. Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja.
2. Ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu.
-
Artikolu 3 - Id-dritt għall-integrità tal-persuna
1. Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta' l-integrità fiżika u mentali tagħha.
2. Fl-oqsma tal-mediċina u tal-bijoloġija, dawn li ġejjin għandhom jiġu rispettati b'mod partikolari:
a) il-kunsens liberu u infurmat tal-persuna kkonċernata, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi;
b) il-projbizzjoni ta' prattiċi ewġeniċi, partikolarment dawk li jimmiraw għas-selezzjoni tal-persuni;
ċ) il-projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;
d) il-projbizzjoni tal-klonazzjoni riproduttiva tal-bnedmin.
-
Artikolu 4 - Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti
Ħadd m'għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.
-
Artikolu 5 - Il-projbizzjoni ta' l-iskjavitù u tax-xogħol forzat
1. Ħadd m'għandu jinżamm fi skjavitù jew f'servitù.
2. Ħadd m'għandu jiġi mġiegħel jagħmel xogħol forzat jew obbligatorju.
3. It-traffikar tal-bnedmin huwa pprojbit.
-
Artikolu 6 - Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà
Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.
-
Artikolu 7 - Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja
Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.
-
Artikolu 8 - Il-protezzjoni tad-data personali
1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.
2. Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.
3. L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.
-
Artikolu 9 - Id-dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta' familja
Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta' familja huma ggarantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.
-
Artikolu 10 - Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon
1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.
2. Id-dritt għall-oġgezzjoni ta' kuxjenza hu rikonoxxut, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.
-
Artikolu 11 - Il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni
1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.
2. Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.
-
Artikolu 12 - Il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni
1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha.
2. Il-partiti politiċi fil-livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.
-
Artikolu 13 - Il-libertà ta' l-arti u x-xjenzi
L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.
-
Artikolu 14 - Id-dritt għall-edukazzjoni
1. Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.
2. Dan id-dritt jinkludi l-possibbilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.
3. Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta' tagħlim b'rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' din il-libertà u dan id-dritt.
-
Artikolu 15 - Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol
1. Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.
2. Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru.
3. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta' l-Unjoni.
-
Artikolu 16 - Il-libertà ta' intrapriża
Il-libertà ta' intrapriża skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.
-
Artikolu 17 - Id-dritt għall-proprjetà
1. Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.
2. Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.
-
Artikolu 18 - Id-dritt għall-asil
Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b'rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawn aktar 'il quddiem “it-Trattati”).
-
Artikolu 19 - Il-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni
1. It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.
2. Ħadd ma jista' jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.
-
Artikolu 20 - L-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi
Kull persuna hija ugwali f'għajnejn il-liġi.
-
Artikolu 21 - Non-diskriminazzjoni
1. Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.
2. Fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.
-
Artikolu 22 - Id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika
L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.
-
Artikolu 23 - L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga.
Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess l-anqas irrappreżentat.
-
Artikolu 24 - Id-drittijiet tat-tfal
1. It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.
2. Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.
3. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.
-
Artikolu 25 - Id-drittijiet ta' l-anzjani
L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta' l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali.
-
Artikolu 26 - L-Integrazzjoni tal-persuni diżabbli
L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.
-
Artikolu 27 - Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża
Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
-
Artikolu 28 - Dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva
Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.
-
Artikolu 29 - Id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg
Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ħlas.
-
Artikolu 30 - Il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta
Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
-
Artikolu 31 - Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa
1. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.
2. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.
-
Artikolu 32 - Il-projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż- żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol
L-impjieg tat-tfal huwa pprojbit. L-età minima għall-ammissjoni għal impjieg ma tistax tkun anqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu ta' l-iskola, bla preġudizzju għal regoli iktar favorevoli għaż-żgħażagħ u ħlief derogi limitati.
Iż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol skond l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku jew kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jista' jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.
-
Artikolu 33 - Il-ħajja tal-familja u professjonali
1. Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.
2. Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.
-
Artikolu 34 - Sigurtà soċjali u assistenza soċjali
1. L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta' telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
2. Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
3. Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
-
Artikolu 35 - Il-protezzjoni tas-saħħa
Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.
-
Artikolu 36 - L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali
L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l-Unjoni.
-
Artikolu 37 - Protezzjoni ta' l-ambjent
Livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta' l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.
-
Artikolu 38 - Protezzjoni tal-konsumatur
Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.
-
Artikolu 39 - Dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew
1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.
2. Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b'vot dirett universali li hu liberu u sigriet.
-
Artikolu 40 - Id-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali
Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.
-
Artikolu 41 - Id-dritt għal amministrazzjoni tajba
1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni.
2. Dan id-dritt jinkludi:
a) id-dritt ta' kull persuna li tinstema', qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;
b) id-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;
ċ) l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.
3. Kull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri.
4. Kull persuna tista' tikteb lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni f'waħda mil-lingwi tat-Trattati u għandha tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.
-
Artikolu 42 - Id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti
Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.
-
Artikolu 43 - L-Ombudsman Ewropew
Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.
-
Artikolu 44 - Id-dritt ta' petizzjoni
Kull ċittadin ta' l-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt ta' petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.
-
Artikolu 45 - Il-libertà ta' moviment u ta' residenza
1. Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta' moviment u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri.
2. Il-libertà ta' moviment u ta' residenza tista' tingħata, skond it-Trattati, lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta' Stat Membru.
-
Artikolu 46 - Il-protezzjoni diplomatika u konsulari
Kull cittadin ta' l-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, igawdi mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.
-
Artikolu 47 - Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali
Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta' l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.
Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.
-
Artikolu 48 - Il-preżunzjoni ta' innoċenza u dritt għad-difiża
1. Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.
2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.
-
Artikolu 49 - Il-prinċipji ta' legalità u proporzjonalità ta' reati u ta' pieni
1. L-ebda persuna m'għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m'għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.
2. Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-proċess u l-piena ta' persuna ħatja ta' att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, kien jew kienet reat skond il-prinċipji ġenerali rikonoxxuti mill-komunità tan-nazzjonijiet.
3. Is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.
-
Artikolu 50 - Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat
L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.