Bejgħ ta' oġġetti u servizzi
Fi ħdan is-suq intern tal-UE l-oġġetti jitħallew jiċċirkolaw liberament, sakemm jissodisfaw l-istandards xierqa. Skopri x'rekwiżiti tal-UE għandhom jiġu segwiti għall-prodotti li tbigħ u meta għandek tirrapporta l-movimenti tal-oġġetti tiegħek.
Skont is-servizzi li qed toffri u għal kemm żmien, inti għandek imnejn tista' tipprovdi servizzi f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma tistabbilixxi kumpanija jew fergħa hemmhekk. Skopri meta dan jista' jsir, għal liema settur u tip ta' bejgħ.
Hemm regoli speċifiċi li għandek issegwi meta tbigħ lill-konsumatur finali li ma tiltaqax wiċċ imb wiċċ miegħu (dment li jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet). Pereżempju, l-informazzjoni għandha tingħata b'mod ċar u bil-miktub u l-klijenti tiegħek jistgħu jirtiraw mill-kuntratt fi żmien 14-il jum - mingħajr penali u mingħajr ma jkollhom għaliex jagħtu kwalunkwe raġuni.
Meta tbigħ pakketti tal-ivvjaġġar jew arranġamenti tal-ivvjaġġar marbutin trid tirrispetta ċerti regoli tal-UE, pereżempju, meta tbigħ żewġ tipi differenti jew aktar ta' servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ li jkunu bbukkjati taħt kuntratt uniku ma' fornitur wieħed; jew jekk tbigħ servizz tal-ivvjaġġar u mbagħad jiġi faċilitat il-bejgħ ta' servizz ieħor għall-istess vjaġġ.
Uża l-għodda tal-UE biex tivverifika s-servizzi tal-konsenja tal-pakketti transfruntieri u l-prezzijiet fl-UE. Aqra dwar liema informazzjoni u aġġornamenti l-fornituri tas-servizzi ta' konsenja tal-pakketti transfruntieri u domestiċi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom.
Il-bażi tad-data "Access2Markets" fiha dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar l-esportazzjoni mill-UE u l-importazzjoni lejn l-UE. Fittex skont l-isem tal-prodott jew il-kodiċi tas-sistema armonizzata (HS) għat-tariffi u t-taxxi, il-proċeduri doganali, ir-regoli tal-oriġini, l-ostakli għall-kummerċ, ir-rekwiżiti tal-prodotti u l-istatistika f'kull pajjiż tal-UE u aktar minn 120 suq tal-esportazzjoni madwar id-dinja.