Mur għall-kontenut ewlieni

L-użu tal-lingwi mill-Kummissjoni

Kif il-Kummissjoni tuża l-lingwi biex tipprovdi informazzjoni u tinteraġixxi mal-pubbliku, l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni temmen li l-UE hi kkaratterizzata mid-diversità kulturali u lingwistika tagħha u li l-lingwi mitkellmin fl-Istati Membri huma parti essenzjali mill-wirt kulturali tal-Ewropa. L-UE għalhekk tappoġġja l-multilingwiżmu fil-programmi tagħha u fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tagħha.

L-użu tal-lingwi u r-rispett għad-diversità lingwistika ilhom ta’ importanza ewlenija minn meta nħolqu l-istituzzjonijiet Ewropej. L-ewwel att li qatt ġie adottat mill-Kunsill kien ir-Regolament 1 mill-1958 li ddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Dan is-sit web jiddeskrivi kif il-Kummissjoni tuża l-lingwi biex tipprovdi informazzjoni u tinteraġixxi mal-pubbliku, l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri.

Lingwi uffiċjali

Il-lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE (minn hawn ’il quddiem ukoll “il-lingwi uffiċjali tal-UE”) huma:

  • Il-Bulgaru
  • L-Ispanjol
  • Iċ-Ċek
  • Id-Daniż
  • Il-Ġermaniż
  • L-Estonjan
  • Il-Grieg
  • L-Ingliż
  • Il-Franċiż
  • L-Irlandiż
  • Il-Kroat
  • It-Taljan
  • Il-Latvjan
  • Il-Litwan
  • L-Ungeriż
  • Il-Malti
  • L-Olandiż
  • Il-Pollakk
  • Il-Portugiż
  • Ir-Rumen
  • Is-Slovakk
  • Is-Sloven
  • Il-Finlandiż
  • L-Iżvediż

Liġijiet tal-UE

L-atti legali u s-sommarji tagħhom huma disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Bl-istess mod, il-proposti tal-Kummissjoni għal atti legali huma disponibbli wkoll b’dawk il-lingwi kollha.

Xi tipi ta’ atti mhumiex disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE minħabba li mhumiex ta’ applikazzjoni ġenerali (jiġifieri deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzati lil Stat Membru jew parti privata), jew minħabba li huma dokumenti purament fattwali u mhumiex adottati mill-Kummissjoni (jiġifieri dokumenti ta’ ħidma tal-persunal).

Komunikazzjoni ma’ individwi u organizzazzjonijiet

Raġunijiet għaliex wieħed jikteb lill-Kummissjoni

L-individwi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jikkuntattjaw lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Pereżempju jistgħu

Irrispettivament mis-suġġett li dwaru jikkuntattjaw lill-UE, l-individwi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jiktbu lill-istituzzjonijiet bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE u jkollhom id-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Involviment maċ-ċittadini

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mmarkat il-bidu ta’ fażi ġdida ta’ involviment taċ-ċittadini.

Il-membri tal-pubbliku jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki Ewropej billi jaqsmu l-fehmiet tagħhom fuq il-pjattaforma tal-involviment taċ-ċittadini. Dan huwa spazju ddedikat fejn in-nies jistgħu jippowstjaw kontribuzzjonijiet jew jikkummentaw dwar jew japprovaw kontribuzzjonijiet ta’ oħrajn. Bis-saħħa tat-traduzzjoni f’ħin reali, ipparteċipa bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Dawn il-kontribuzzjonijiet jikkontribwixxu għall-Panels taċ-Ċittadini Ewropej. Il-Panels ilaqqgħu flimkien ċittadini magħżula b’mod aleatorju mis-27 stat membru kollha biex jiddiskutu – fil-livell Ewropew – proposti ewlenin li jmiss li jaffettwawna lkoll. Abbażi tad-deliberazzjonijiet tagħhom f’24 lingwa, iċ-ċittadini jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea meta tħejji l-inizjattivi ta’ politika.

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni jorganizzaw ukoll djalogi maċ-Ċittadini fis-27 Stat Membru, bil-lingwa tal-pajjiż u miftuħa għaċ-ċittadini kollha.

Konsultazzjonijiet pubbliċi

Biex ikun aktar faċli għan-nies li jipparteċipaw fil-proċess ta’ politika u tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE, il-Kummissjoni tniedi b’mod regolari konsultazzjonijiet pubbliċi fil-forma ta’ kwestjonarji online. Dawn il-kwestjonarji huma dejjem disponibbli mill-anqas bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż u spiss b’lingwi uffiċjali oħrajn tal-UE wkoll. Il-kwestjonarji ta’ konsultazzjoni pubblika relatati ma’ inizjattivi ġodda elenkati fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni huma ġeneralment disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

It-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi dejjem jistgħu jiġu sottomessi bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.

Kontenut tas-sit web

Is-siti web tal-Kummissjoni fuq id-dominju web europa.eu huma ġeneralment disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Aktar dwar l-użu mill-Kummissjoni ta’ lingwi differenti fuq is-siti web tagħha.

Attivitajiet fuq il-media soċjali

Il-lingwi uffiċjali kollha tal-UE huma koperti fuq il-media soċjali permezz tal-kontijiet ċentrali tal-Kummissjoni, il-kontijiet tal-media soċjali tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u l-kontijiet tal-Membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Dan jinkludi kontenut tal-media soċjali, kampanji u involviment maċ-ċittadini.

Materjal għall-istampa

Il-materjal għall-istampa tas-Servizz tal-Kelliem tal-Kummissjoni Ewropea (bħal stqarrijiet għall-istampa, mistoqsijiet u tweġibiet, skedi informattivi) dejjem jiġi ppubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Ħafna drabi dawn jiġu tradotti wkoll f’lingwi speċifiċi jew saħansitra fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fuq bażi ta’ każ b’każ. Kwalunkwe materjal għall-istampa relatat mal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kummissarji jew ta’ importanza partikolari jew interess ġenerali jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

L-“Aħbarijiet ta’ Kuljum”, li huma ġabra ta’ aħbarijiet qosra li jenfasizzaw l-aħbar ewlenija tal-ġurnata ppreżentata mis-Servizz tal-Kelliem tal-Kummissjoni u li huma marbutin ma’ aktar informazzjoni, dejjem huma taħlita ta’ Ingliż u Franċiż. Wara l-ftehim bejn l-SPP u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Istampa (IPA), l-interpretazzjoni bl-Ingliż u bil-Franċiż hi disponibbli fis-sessjonijiet ta’ informazzjoni ta’ kuljum f’nofsinhar, ħlief nhar ta’ Erbgħa (jum ta’ laqgħa ta’ kull ġimgħa tal-Kulleġġ), meta l-interpretazzjoni tkun disponibbli bi 23 lingwa uffiċjali tal-UE (minbarra l-Irlandiż).

Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri.

Is-siti web u l-paġni tal-media soċjali ddedikati tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni f’kull Stat Membru jużaw il-lingwa (jew lingwi) uffiċjali tal-UE tal-Istat Membru kkonċernat.

Traduzzjoni u interpretazzjoni

Il-Kummissjoni sserraħ fuq grupp ta’ tradutturi u interpreti b’ħiliet għoljin, li jiżgura li l-lingwi uffiċjali kollha tal-UE jkunu jistgħu jintużaw fl-istituzzjonijiet u mill-istituzzjonijiet.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni jipprovdi servizzi ta’ interpretazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE għal laqgħat u konferenzi.

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni jittraduċi dokumenti minn u għall-24 lingwa uffiċjali għall-Kummissjoni.

 

eTranslation

L-eTranslation hi servizz ta’ traduzzjoni awtomatika online mfassal u mibni mill-Kummissjoni abbażi ta’ diċennji ta’ traduzzjoni interna ta’ kwalità għolja.

L-enfasi ewlenija tal-eTranslation hi l-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Dan joffri paġna web għall-użu manwali, u jista’ jiġi integrat ukoll ma’ applikazzjonijiet oħrajn tal-IT, pereżempju, jista’ jintuża biex jipprovdi traduzzjoni awtomatika għas-siti web u l-pjattaformi Europa tal-Kummissjoni meta t-traduzzjonijiet umani ma jkunux disponibbli.

It-traduzzjoni awtomatika tista’ tagħtik idea bażika tal-kontenut f’lingwa li tifhem. Hi kompletament awtomatizzata u ma tinvolvi ebda intervent uman. Il-kwalità u l-preċiżjoni tat-traduzzjoni awtomatika tista’ tvarja ħafna minn test għal ieħor u bejn pari ta’ lingwi differenti.

L-eTranslation tintuża mill-Istituzzjonijiet tal-UE, u hi disponibbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji żgħar u ta’ daqs medju.

Liġi tal-UE dwar il-lingwi

Ir-regoli li jirregolaw l-użu tal-lingwi mill-istituzzjonijiet tal-UE huma stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament permezz ta’ regolamenti, adottati skont l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Nru 1 mill-1958, kif emendat, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom 24 lingwa uffiċjali u ta’ ħidma.

L-Ingliż jibqa’ fost dawk il-lingwi, anke wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Fil-fatt, l-Ingliż jibqa’ lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE sakemm ikun elenkat bħala tali fir-Regolament Nru 1 mill-1958. L-Ingliż hu wkoll waħda mil-lingwi uffiċjali fl-Irlanda u f’Malta.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-lingwi li bihom il-leġiżlazzjoni għandha tiġi abbozzata u ppubblikata; u dwar il-lingwi għad-dokumenti mibgħutin bejn l-istituzzjonijiet u l-pubbliku jew bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni hi intitolata, permezz tal-istess Regolament Nru 1, mill-1958, li tiddetermina kif għandha tiġi implementata s-sistema lingwistika fil-funzjonament intern tagħha stess.

  翻译: